
Il-Migrazzjoni
Iż-żewġ objettivi tagħna li jmorru id f'id huma li nħaffu l-implimentazzjoni ta’ miżuri li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom, u biex niżguraw li l-kwistjoni tibqa’ waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-aġenda politika. Iċ-ċittadini tagħna qed jitolbu li tittieħed azzjoni u ma nistgħux nippermettu li l-UE tkun passiva, li ma titrattax dan is-suġġett bl-urġenza u bl-importanza li jistħoqqilha.
Objettivi Konkreti
- It-tisħiħ u s-simplifikazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil se tkun importanti biex il-kwistjoni tal-migrazzjoni tkun imqassma b’mod aktar ġust fost l-Istati Membri;
- F’dan il-kuntest, se jkunu importanti l-isforzi biex ikun hemm reviżjoni tar-Regolament ta’ Dublin li jispeċifika r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fl-eżaminazzjoni t'applikazzjonijiet tal-asil;
- It-trasformazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil f’aġenzija Ewropea fis-sħuħija kollha tagħha, hija element importanti għar-Riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil;
- Hekk kif qed joqrob tmiem il-perjodu ta’ sentejn għar-rilokazzjoni ta’ 160,000 persuna fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, ninsabu konxji tal-ħtieġa li tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar;
- Malta tixtieq tisħaq għal approċċ ħolistiku għall-migrazzjoni interna u esterna. Fid-dawl ta' dan, se nkomplu nsegwu fuq il-ftehim li ntlaħaq waqt il-Valletta Summit dwar il-Migrazzjoni. Se naħdmu biex inlestu l-ħidma b’rabta mal-Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew biex tippromwovi investiment sostennibbli fl-Afrika u l-Viċinat u biex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni.
Is-Suq Uniku
Dan huwa l-ikbar assi għall-Unjoni. Jekk ilkoll flimkien jirnexxilna nisfruttaw bis-sħiħ is-Suq Uniku waqt li niżviluppaw is-Suq Uniku Diġitali kif ukoll inwettqu s-Suq Intern tal-Enerġija, se nġibu benefiċċji konkreti fl-ekonomiji, fin-negozji u fil-familji tagħna bit-tneħħija tal-limitazzjonijiet fuq il-kummerċ, u t-titjib tal-protezzjoni u l-aċċess għas-servizzi għall-konsumaturi. L-għan tagħna hu li nirnexxu kemm jista’ jkun f’dan il-qasam, billi ntejbu u nikkonkludu l-leġiżlazzjonijiet ewlenin li qegħdin fl-istadju ta' taħdidiet. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali se tingħata l-importanza mistħoqqa waqt il-Presidenza.
Objettivi Konkreti
- It-tneħħija tat-tariffi tar-roaming madwar l-Ewropa kollha sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibqgħu f’kuntatt meta jivvjaġġaw;
- Isir progress fl-iżgurar tal-konsumaturi li jixtiequ jixtru prodotti u servizzi b’mod elettroniku jew personalment minn pajjiż ieħor fl-UE biex ma jiġux iddiskriminati abbażi tan-nazzjonalità jew il-pajjiż fejn jgħixu f’termini ta’ aċċess għall-prezzijiet, il-bejgħ jew il-kundizzjonijiet tal-ħlas (l-imblukkar ġeografiku);
- Tiġi żgurata attenzjoni ffukata fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-mod kif tindirizza l-isfidi li jaffaċċjaw l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs); bħal meta tiġi biex tippermetti l-iżvilupp ta’ firxa usa’ ta’ sorsi ta’ finanzjament billi tittieħed azzjoni fuq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali;
- It-tkabbir u l-impjieg jibqgħu prijorità predominanti għall-Istati Membri kollha tal-UE u għall-UE inġenerali. L-estensjoni fiż-żmien u fil-kapaċità finanzjarja tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi se tkun prijorità waqt il-Presidenza Maltija biex jiġi immobilizzat investiment privat filwaqt li jsir użu għaqli ta’ riżorsi baġitarji skarsi;
- Ir-reviżjoni tal-pakkett dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija hu mmirat biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fil-bini residenzjali u fl-industrija biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija;
- It-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għaċ-ċittadini Ewropej kollha partikolarment fi żminijiet ta’ kriżi;
- Iċ-ċans li jingħataw il-konsumaturi tal-UE biex ikomplu jgawdu mill-abbonament għal kontenut awdjoviżiv bħalma jagħmlu f’darhom meta jżuru Stat Membru ieħor;
- L-assenjazzjoni mill-ġdid tal-medda ta' veloċità għolja 700MHz (694-790 MHz) li attwalment użata għax-xandir diġitali tat-televiżjoni u l-mikrofoni wireless, għal servizzi ta’ broadband wireless, biex b’hekk din il-medda tkun tista' tintuża għall-konnessjoni 5G;
- Ħidma biex jintlaħaq ftehim fuq l-aċċess għal Wi-Fi b’xejn f’kull raħal u belt tal-Unjoni Ewropea.
Is-Sigurtà
B'riżultat tal-attakki terroristiċi orribbli li seħħew f’dawn l-aħħar 12-il xahar, aħna, bħala Unjoni, irridu noqogħdu attenti ħafna sabiex f'unjoni waħda niżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna. Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju internazzjonali li kulma jmur qed isir iktar instabbli, il-Presidenza Maltija se tagħti l-kontribut tagħha għal progress konkret dwar proposti li jindirizzaw sfidi reġjonali u globali, waqt li żżomm b'saħħithom il-valuri li fuqhom imsejsa l-eżistenza tal-Unjoni nnifisha. Il-ħidma ewlenija tal-UE f’dan il-qasam tibqa’ d-diplomazija effettiva, u f’dan ir-rigward se naħdmu mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna taħt il-kappa tal-Istrateġija Globali tal-UE għall-ġestjoni tal-isfidi kumplessi tal-migrazzjoni, tat-terroriżmu, u tat-theddid ibridu.
Objettivi Konkreti
- It-tkomplija tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; it-tmexxija ’l quddiem fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u serja permezz taċ-Ċiklu ta' politika tal-UE; b’segwitu għall-Pjan Direzzjonali tal-UE biex jittejjeb l-iskambju u l-ġestjoni ta’ informazzjoni, inklużi soluzzjonijiet interoperabbli għal databases użati mil-liġi nazzjonali u awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri; it-tkomplija tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta’ diversi faxxikli leġiżlattivi inkluż ftehim politiku dwar ir-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;
- Isir progress sinifikanti dwar l-inizjattivi attwali mmirati lejn it-titjib tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, inkluż it-twaqqif ta’ sistema Ewropea li tirreġistra d-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi, u l-ħolqien ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) biex tiġi ddeterminata l-eliġibiltà ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi eżentati mill-viża biex jivvjaġġaw lejn iż-Żona Schengen. Dawn il-proposti se jgħinu biex titkattar is-sigurtà interna;
- Jittieħdu passi biex titwessa' l-opinjoni ġenerali fuq l-elementi pendenti relatati mal-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' persuni u kumpaniji li jaġixxu kontra l-interessi finanzjarji tal-UE;
- It-titjib tal-governanza tal-Eurojust, sabiex tiġi żgurata koperazzjoni fil-ġustizzja kriminali aktar kordinata mal-fruntieri, u għalhekk it-tkattir tal-protezzjoni taċ-ċittadini kontra l-attivitajiet kriminali internazzjonali bħalma huma t-traffikar, it-terroriżmu u l-ħasil tal-flus.
L-Inklużjoni Soċjali
Il-politika soċjali hija xi ħaġa għal qalb il-Gvern Malti. Dan huwa qasam fejn nittamaw li l-esperjenzi tagħna jistgħu jservu ta' influwenza tajba fuq sħabna Ewropej. Il-ħidma hawnhekk ser tkun iggwidata b’konsultazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali, mas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini sabiex l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli jkunu jistgħu javvanzaw 'il quddiem.
Objettivi Konkreti
- Intejbu l-involviment tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Il-Presidenza Maltija se timmira biex tagħmel progress fuq kwistjonijiet relatati mal-bilanċ bejn is-sessi inkluż il-Proposta għal Direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost id-diretturi ta’ kumpaniji elenkati fil-boroż;
- Malta se tkompli tiġġieled il-vjolenza bbażata fuq is-sessi, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tixrid tal-aħjar prattiki u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar leġiżlazzjoni, politiki u strateġiji eżistenti, kif ukoll data statistika u studji statistiċi;
- Malta se torganizza Konferenza fuq Livell Ministerjali dwar kwistjonijiet LGBTIQ sabiex tkompli tesplora l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni f’dan il-qasam.
Il-Viċinat tal-Ewropa
Is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa huma marbutin ma’ dak tal-viċinat tagħna. Il-pajjiżi li jmissu man-Nofsinhar tal-Mediterran qed jiffaċċjaw sfidi serji, inkluż il-kunflitt armati, it-terroriżmu, l-instabilità politika u r-radikalizzazzjoni. Konxji tal-effetti kollaterali potenzjali ta’ instabilità lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa, il-Presidenza Maltija se tiffoka fuq l-impenn tal-UE lejn l-istabbilizzazzjoni fil-viċinat tagħna. L-Istrateġija Globali tal-UE se tkun punt ta' riferiment importanti li tiggwida l-azzjoni tal-Unjoni u tiddetermina r-rwol tagħha bħala protagonista relevanti u effettiva.
Objettivi Konkreti
- Se tingħata attenzjoni partikolari lejn il-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE bil-prijoritajiet ewlenin ikunu l-istabilizzazzjoni tal-Libja u l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal transizzjoni paċifika;
- Il-Presidenza Maltija se tappoġġja l-isforzi Ewropej u internazzjonali lejn il-bidu mill-ġdid tal-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani bejn l-Iżrael u l-Palestina;
- L-iżgurar tat-transizzjoni demokratika fit-Tuneżija tibqa’ miexja fit-triq it-tajba u ż-żamma tal-momentum għall-kontinwazzjoni ta’ negozjati ta' kummerċ;
- Kontribut lill-isforzi Ewropej u internazzjonali biex jiġi indirizzat il-kunflitt Sirjan;
- Se jiġi enfasizzat it-tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi komuni u r-responsabbiltajiet. Il-Presidenza ser tfittex li terġa’ tagħti l-ħajja lir-relazzjonijiet mal-Kunsill ta’ Koperazzjoni tal-Golf;
- Impenn mal-Istati fil-Viċinat tal-Lvant se jibqa’ importanti, inkluż dak li jirrigwarda l-għajnuna lill-Ukrajna u l-iżgurar tal-koperazzjoni mar-Russja dwar kwistjonijiet ta’ tħassib globali u reġjonali.
Is-Settur Marittimu
L-UE se tkun iktar u iktar dipendenti fuq l-ibħra u l-oċeani; is-sostenibbiltà u l-iżvilupp kontinwu tas-settur marittimu, skont il-Politika Marittima Integrata tal-UE, jintegraw b’mod naturali mal-prijoritajiet leġiżlattivi ta’ gżira nazzjon fin-nofsinhar tal-Mediterran li tħares ’il barra minn xtutha. Barra minn hekk, is-settur jipprovdi firxa wiesgħa ta’ riċerka innovattiva u attivitajiet kummerċjali li jistgħu jiġu żviluppati f’opportunitajiet ta’ impjieg b’valur miżjud għoli konformi mal-Inizjattiva tat-Tkabbir Blu għall-kompetittività u t-tkabbir.
Objettivi Konkreti
- Il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani se titpoġġa wkoll b’mod formali fuq l-aġenda ta’ Malta, bl-għan li tiġi żgurata approvazzjoni politika dwar il-pjan t'azzjoni li għandu jiġi addottat għal politika Ewropea aktar koerenti, komprensiva u effettiva biex jitjieb il-qafas internazzjonali tal-governanza tal-oċeani u s-sostenibbiltà tal-oċeani tagħna;
- L-Inizjattiva tal-Baċiri tal-Baħar għall-Mediterran tal-Punent mistennija li tiġi mnieda fil-bidu tal-2017, li timmira żona ġeografika speċifika ta' interess għall-Istati Membri u l-ġirien. L-Inizjattiva se tibni fuq strutturi diġà eżistenti, fil-kuntest tal-Ekonomija Blu, biex tittejjeb il-governanza marittima (bl-għan li jintlaħqu kundizzjonijiet ekwi f’dan ir-reġjun), jiġu sfruttati l-vantaġġi u indirizzati n-nuqqasijiet, waqt li tiġi żgurata miżura sostenibbli.
|
|