Fil-qalba tal-Belt Valletta, il-belt kapitali ta’ Malta li hija mniżżla fil-lista ta’ Siti tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO, jinsab il-Palazz majestuż tal-Gran Mastru li ntagħżel bħala l-post prinċipali għall-presidenza. Waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill, il-palazz se jospita diversi laqgħat li se jinkludu kemm laqgħat ta’ Livell Għoli, kif ukoll laqgħat ministerjali. Dan is-sit storiku, iddisinjat minn Ġilormu Cassar fl-1571, minn dejjem kellu rwol importanti fit-tfassil tal-politika tal-gżejjer Maltin, hekk kif evidenzjat mill-istorja twila tagħhom.
 
Taħt il-ħakma tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, il-Palazz kien jintuża bħala r-residenza uffiċjali tal-Gran Mastri tal-Ordni. Fi żmien il-Brittaniċi, il-Gvernatur kien jippresiedi fil-Palazz. Dan kien issebbaħ b’bosta xogħlijiet arkitettoniċi wara l-ħsarat li ġabet magħha it-Tieni Gwerra Dinjija. Wara li Malta ħadet l-Indipendenza fl-1964, il-Palazz sar is-sede tal-ewwel Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Malta u b’hekk żamm l-importanza tiegħu fix-xena politika Maltija. Illum il-ġurnata, il-Kamra tar-Rappreżentanti mxiet għall-binja Parlamentari l-ġdida eżatt wara d-daħla tal-kapitali. Minkejja dan, l-uffiċċju tal-President tar-Repubblika ta’ Malta baqa’ fil-Palazz. 
 
F’din l-istruttura majestuża jinsabu erba’ Kmamar Statali. Il-Kamra tal-Kunsill hija mgħammra bil-kollezzjoni eċċezzjonali tal-arazzi Gobelins, minsuġa fi Franza u mogħtija b’rigal lil Gran Mastru Spanjol Ramón Perellos y Roccaful. Għandhom kważi 300 sena u juru xeni eżotiċi ta’ kaċċa fil-Karibew, fl-Amerka t’isfel, fl-Indja u fl-Afrika. L-arazzi miżmuma f’kundizzjoni impekkabbli sal-lum. Il-Kamra Statali tal-Pranzu hija mżejna b’pittura tar-Reġina Eliżabetta II u r-ritratti tal-Presidenti tar-Repubblika ta’ Malta. Is-Sala tal-Kunsill Suprem tal-Kavallieri, imsejħa wkoll il-Kamra tat-Tron, hija armata b’serje ta’ tnax-il affresk fin impenġija minn Mattia Perez d’Aleccio li juru xeni mill-Assedju l-Kbir tal-1565. Is-Sala tal-Ambaxxata, magħrufa aħjar bħala l-Kamra l-Ħamra, hi mimlija ritratti tal-Gran Mastri u Gvernaturi oħra, kif ukoll affresk li juri avvenimenti storiċi mill-Ordni ta’ San Ġwann. Barra minn hekk, il-Gran Mastri kienu jilqgħu mistiedna importanti proprju f’din il-Kamra Statali. Fil-fatt, dinjitarji barranin għadhom jiġu milqugħa hawnhekk mill-President ta’ Malta sal-lum il-ġurnata.
 
Bħala waħda mill-eqdem binjiet tal-Belt Valletta, fil-Palazz hemm waħda mill-akbar kollezzjonijiet ta’ armaturi u armi fid-dinja. Il-kollezzjoni tmur lura għall-żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann u għadha miżmuma tajjeb fl-istat oriġinali tagħha.  L-Armerija tal-Palazz infetħet uffiċjalment fl-1860 u saret l-ewwel mużew pubbliku ta’ Malta. Fiha hemm l-armatura li libes il-Gran Mastru La Valette nnifsu, armatura mill-isbaħ bid-damask tal-Gran Mastru Alof de Wignacourt u esibizzjoni unika tal-armi użati mill-Imperu Ottoman fl-Assedju l-Kbir tal-1565. Insibu wkoll armaturi u armi awtentiċi ta’ oriġini Spanjola, Franċiża, Taljana u Ġermaniża. Attwalment, l-Armerija tinsab ġewwa żewġt iswali li kienu jintużaw bħala stalel.