Lingwi f’Malta

 
Il-Malti u l-Ingliż huma l-lingwi uffiċjali ta’ Malta hekk kif stipulat fil-Kostituzzjoni. Il-Malti huwa wkoll wieħed mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-influwenza ta’ din il-lingwa tmur oltre l-arċipelagu u l-laqgħat ta’ Livell Għoli fi Brussell hekk kif emigranti Maltin stabbilew komunitajiet fl-Awstralja, fir-Renju Unit, fl-Istati Uniti u fil-Kanada, fost oħrajn. Maż-żmien, il-Malti ħa aktar l-istatus ta’ lsien popolari, waqt li l-Ingliż ikun ippreferut aktar fuq ix-xogħol u għal skopijiet amministrattivi.  
 
 

L-Istorja fil-Qosor

 
Id-diversi qawwiet li ħakmu matul is-sekli kkontribwew għall-formazzjoni tal-Malti, li rriżulta fl-unika lingwa Semitika miktuba b’alfabett modern Latin u mżewwaq bi kliem mill-Ingliż u mit-Taljan (l-Anglo-Sassonu u r-Rumanz rispettivament). Huwa proprju għalhekk li l-akkademiċi jsibuha ferm diffiċli biex jidentifikaw l-oriġini tal-kliem li jikkomponih. 
 
Minħabba x-xebh fil-mod kif jinstemgħu, huwa ħsieb aċċettat mill-bosta li l-Malti oriġina mill-Għarbi (il-familja lingwistika Semitika). Iżda, numru ta’ studjużi tteorizzaw li l-Malti beda jinqata’ bħala lingwa għaliha minn żmien il-Feniċi (c. 750 Q.K.). Oħrajn saħansitra argumentaw li l-Malti ta’ dak iż-żmien kien proprjament verżjoni moderna tal-Feniċju.
 
Il-wasla tan-Normanni madwar l-1090, ippermetta għall-Malti li jibda jaddotta elementi mill-Isqalli u mit-Taljan (il-familja lingwistika Rumanza). Dan l-iżvilupp għamel il-Malti lingwa flessibbli u adattabbli, tant li biddilha f’għodda effettiva li l-Maltin setgħu jikkomunikaw biha.
 
Konferma ta’ dan tinsab fil-mod kif il-Malti jassorbi kliem li ġej mill-Ingliż, proċess kontinwu li ra l-bidu tiegħu fi żmien il-ħakma Brittanika. Maż-żmien, l-insularità tal-Gżejjer Maltin wasslet għall-ħolqien ta’ diversi djaletti li diffiċli li ma jinqabdux mill-widna. B’hekk, il-Malti ser jibqa’ jiżviluppa grazzi għall-flessibiltà li jintegra fih elementi ġodda, sinjal ta’ lingwa ħajja u b’saħħitha.