Il-pjattaforma unika mogħtija lil Malta permezz tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE tirrekjedi logo li mhux biss jolqot l-għajn iżda li jkun ukoll ta' ispirazzjoni għall-Ewropa. 

Il-branding huwa fih innifsu rakkont dwar kull pajjiż li jkollu l-Presidenza – rakkont li għandu l-għeruq fl-istorja u t-tradizzjonijiet individwali, li fl-istess ħin timmira li tikkontribwixxi għall-futur ta’ Unjoni Ewropea magħquda. 

Wara kollox, dan il-logo se jkun qed jintwera fuq bnadar imdendlin mal-ġnub ta’ bini kbir fi Brussell. Dan se jiġi pprojettat fis-swali tal-konferenzi, stampat bil-gzuz, fil-bidu ta' preżentazzjonijiet u jagħti merħba lill-utenti tal-media soċjali.

Hija identità viżwali li intom, aħna u l-kumplament tal-Ewropa lkoll se nkunu qed narawh kullimkien fis-sitt xhur li ġejjin. Għalhekk, ridna li jkun hemm tassew tifsira warajh, filwaqt li jkun xi ħaġa li tpaxxi l-għajn.

Kull kreazzjoni eċċellenti għandha proċess ta' ħolqien maħsub tajjeb.

Il-logo huwa Malti. Il-pajjiżi ospitanti għandhom it-tendenza li jadottaw metodi differenti biex jintgħażel id-disinn tal-logo. Uħud iqabbdu aġenzija tar-reklamar, oħrajn joħorġu sejħa għal servizzi ta' marketing, inkluż il-ħolqien tal-identità viżwali.

Bħall-predeċessur tagħna s-Slovakkja u ħafna Stati Membri oħra, iddeċidejna li nmorru oltre. Ridna nagħtu l-opportunità lill-ġenerazzjoni żagħżugħa t'artisti tal-arti viżiva u disinjaturi li qed jattendu l-Istitut tal-Arti u d-Disinn fl-MCAST biex jesebixxu t-talent tagħhom.

Wara li għaddejnielhom l-informazzjoni, ġew sottomessi 29 disinn mill-isbaħ, li minnhom ħarġet lista tal-aħjar sitta.

Iktar ma ħarisna lejhom, iktar spikkat waħda inpartikolari fuq l-oħrajn. Il-kunċett ta’ Alexia Muscat għandu għeruq fondi fis-salib ta’ Malta, emblema assoċjata mal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Għall-Kavallieri, is-salib bit-tmien ponot jirrappreżenta t-tmien artijiet ta’ oriġini, kif ukoll it-tmien asiprazzjonijiet tal-Ordni; verità, fidi, indiema, umiltà, ġustizzja, ħniena, sinċerità u perseveranza. Dawn it-tmien aspirazzjonijiet jirriflettu fil-karattru tal-poplu ta’ dan il-pajjiż, u s-salib ta’ Malta sar emblema faċilment assoċjata ma’ dawn il-Gżejjer.​

Il-verżjoni bikrija tad-disinn kienet it-taħżiż ta’ linji biex iffurmaw tmien ponot, ikkulurita aħmar fuq l-abjad, rifless tal-kuluri tal-bandiera Maltija. Il-linji tal-logo inħadmu mill-ġdid permezz ta' forom u simboli oħrajn li jirrappreżentaw uħud mit-tradizzjonijiet kulturali Maltin – prinċipalment l-imtieħen tal-qamħ, il-luzzu, ix-xogħol tal-madum u l-ħabbata tradizzjonali Maltija .

Imbagħad ġie rfinat u aġġornat biex jirrifletti l-kontemporanjetà u l-progressività ta’ Malta, filwaqt li l-kunċett oriġinali ta’ Alexia ma ntesa qatt. 

Dan huwa dak li wassalna għal-logo li qed taraw f’din il-paġna. Dan il-logo sar interpretazzjoni aktar stilizzata tas-Salib ta’ Malta, biex tinħoloq l-għaqda storika bejn il-valuri nazzjonali tradizzjonali, u l-unjoni multidimensjonali li attwalment tikkaratterizza l-UE. Il-logo jipponta f’kull direzzjoni, b’riflessjoni ta’ fejn Malta trid tkun. Iħares kemm ’il quddiem u kemm lura, iżda jiġbed flimkien l-influwenzi u l-kurrenti differenti f’forma waħda ċentrali u b’saħħitha.

U l-kuluri ma baqgħux jirriflettu l-bandiera Maltija, iżda l-għabex u ż-żerniq, li jissuġġerixxu l-proċess kontinwu tat-twelid, tat-tiġdid u l-unjoni mill-ġdid li l-kontinent tagħna qed jesperjenza.

Nirringrazzjaw minn qalbna lill-istudenti u l-għalliema kollha tal-MCAST li daħlu għal din l-idea b'tant entużjażmu.  

Il-kreattività, id-diliġenza u l-passjoni tagħkom ħriġtuhom perfettament fid-disinni mill-isbaħ li ssottomettejtulna.  

 
​  ​