Kunsill għall-Agrikoltura u Sajd (AGRIFISH)

Il-Kunsill għall-AGRIFISH jaħdem għall-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-produzzjoni tal-ikel, l-iżvilupp rurali u l-ġestjoni tas-sajd. Il-Kunsill għall-AGRIFISH ġeneralment ikollu laqgħat darba fix-xahar u jlaqqa’ l-ministri responsabbli għall-agrikoltura u s-sajd minn 28 Stat Membru. Permezz tal-PAK, il-Kunsill għandu s-setgħa fuq iż-żoni forestali, fuq il-produzzjoni organika, fuq il-kwalità tal-produzzjoni kif ukoll fuq is-sikurezza tal-għalf. Permezz tal-Politika Komuni tas-Sajd (CFP), il-Kunsill jista’ jaddotta leġislazzjoni ġdida u jalloka l-kwoti tas-sajd lill-Istati Membri fi sforz biex jindirizza kwistjonijiet ta’ sajd eċċessiv. 

KUNSILL GĦALL-AFFARIJIET EKONOMIĊI U FINANZJARJI (ECOFIN)​

Il-Kunsill għall-ECOFIN jlaqqa’ darba fix-xahar il-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji mill-Istati Membri kollha. Huwa responsabbli għall-politiki tal-UE fl-oqsma tal-ekonomija, tat-tassazzjoni u tar-regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji. Speċifikament, biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħalma huma l-kordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi, il-monitoraġġ tal-politiki finanzjarji u baġitarji tal-Istati Membri, il-politiki dwar l-ewro, is-swieq finanzjarji, transazzjonijiet u relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi. Flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill għall-ECOFIN iħejji l-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea. Jikkordina wkoll pożizzjonijiet tal-UE għal-laqgħat internazzjonali, bħall-G20, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji.

Kunsill għall-Kompetittività (COMPET)

Il-Kunsill għall-COMPET jaħdem lejn it-tisħiħ tal-kompetittività u jagħti spinta lit-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, b’attenzjoni fuq oqsma bħas-suq intern, l-industrija, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-ajruspazju. Skont is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss, il-Kunsill għall-COMPET jlaqqa’ l-ministri responsabbli għall-kummerċ, l-ekonomija, l-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-ajruspazju mill-Istati Membri kollha tal-UE. Hu jaħdem biex jiġi żgurat il-moviment ħieles ta’ prodotti bejn il-fruntieri interni u biex jiġu integrati l-politiki industrijali ma’ oqsma oħra tal-politiki tal-UE. Il-Kunsill għall-COMPET jgħin ukoll biex tissaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika tal-industrija Ewropea u tipparteċipa fil-politika ajruspazjali tal-UE.  

Kunsill għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport (EYCS)

Il-Kunsill għall-EYCS jittratta numru ta’ kwistjonijiet li jinvolvu t-tagħlim, it-tixrid tal-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport. Il-Kunsill għall-EYCS ilaqqa’ l-ministri responsabbli għall-edukazzjoni, il-kultura, il-politiki taż-żgħażagħ, il-komunikazzjoni u l-isport sabiex jippromwovi l-mobbiltà għall-istudent u l-għalliem, jispira l-arti, il-letteratura u s-settur awdjoviżiv. 

Kunsill għall-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO)

Ir-responsabbiltajiet tal-Kunsill għall-EPSCO huma mxerrda fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali, ix-xogħol, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-saħħa u l-opportunitajiet ugwali. Il-Kunsill għall-EPSCO ilaqqa’ l-ministri responsabbli għall-impjiegi, l-affarijiet soċjali, is-saħħa u l-politika tal-konsumatur mill-Istati Membri kollha. Il-Kunsill ġeneralment jiltaqa’ erba’ darbiet f’sena, b’żewġ laqgħat minnhom iddedikati esklussivament għall-impjiegi u l-politika soċjali. Il-Kunsill għall-EPSCO jaħdem biex jintlaħqu livelli aħjar ta’ impjiegi, li jtejbu l-istandard tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. 

Kunsill għall-Ambjent (ENV)

Il-Kunsill għall-ENV responsabbli għall-politika ambjentali tal-UE, li tinkludi l-protezzjoni ambjentali, l-użu prudenti tar-riżorsi u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Ġeneralment, jiltaqa’ erba’ darbiet f’sena u jlaqqa’ l-ministri ambjentali mill-Istati Membri kollha. Il-ministri jiddiskutu l-politiki ambjentali tal-UE u jaħdmu biex jillimitaw it-tibdil fil-klima billi jipparteċipaw f’fora internazzjonali. Jisħaq ukoll biex jippromwovi l-istandards ambjentali tal-UE fuq skala internazzjonali. 

Kunsill għall-Affarijiet Barranin (FAC)

Il-Kunsill għall-FAC responsabbli għall-politika barranija tal-UE, id-difiża u s-sigurtà, il-kummerċ, il-koperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. Jiltaqa’ darba fix-xahar f’konfigurazzjonijiet differenti. Skont l-aġenda, il-Kunsill għall-FAC ilaqqa’ l-ministri għad-difiża, l-iżvilupp u l-kummerċ mill-Istati Membri kollha. Il-laqgħat huma ppreseduti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini. 

Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali (GAC)

Il-Kunsill għall-GAC jittratta numru ta’ kwistjonijiet orizzontali bħalma huma n-negozjati dwar it-tkabbir, il-politika ta’ koeżjoni, l-adozzjoni ta’ Qafas Finanzjarju Pluriennali u l-istruttura istituzzjonali tal-UE.  Il-GAC jlaqqa’ l-Ministri għall-Affarijiet Ewropej mit-28 Stat Membru. Ġeneralment jiltaqa’ darba fix-xahar biex jikkordina t-tħejjija u s-segwitu tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u jiżgura l-effiċjenza fil-ħidma tal-Konfigurazzjonijiet tal-Kunsill. 

Kunsill għall-Ġustizzja u Affarijiet Interni (JHA)

Il-Kunsill għall-JHA jittratta diversi kwistjonijiet transkonfinali bħalma huma l-koperazzjoni ġudizzjarja, il-kriminalità u t-terroriżmu, l-immigrazzjoni, il-protezzjoni tal-fruntieri esterni u dawk li jfittxu l-ażil bl-għan li jiżgura l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Jiltaqa’ darbtejn kull sitt xhur, f’żewġ konfigurazzjonijiet, għall-Ministri għall-Ġustizzja u għall-Ministri għall-Affarijiet Interni. 

Kunsill għat-Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (TTE)​

Il-Kunsill għat-TTE jaħdem sabiex jikseb l-objettivi tal-UE fl-oqsma tat-trasport, il-komunikazzjoni u l-enerġija. Il-konfigurazzjoni tal-Kunsill għat-TTE tvarja skont il-punti fuq l-aġenda. Normalment, il-ministri għat-trasport jiltaqgħu erba’ darbiet f’sena filwaqt li l-ministri għat-telekomunikazzjoni jiltaqgħu darbtejn f’sena.  Il-ministri għall-enerġija jiltaqgħu tliet jew erba’ darbiet f’sena.