It-tradizzjoni tal-ikel Malti tirrifletti l-influwenzi barranin li affettwaw lil Malta matul is-snin. Il-produzzjoni lokali, li għal ħafna snin kienet tikkonsisti prinċipalment f'ħalib, bajd u ġobon, ġiet influwenzata mill-kulturi tal-ħakkiema differenti li okkupaw lil Malta. Hemm bosta platti tipiċi Maltin, fosthom it-Torta tal-Lampuki, taħlita bit-tadam, bil-basal, biż-żebbuġ, bl-ispinaċi u bil-kappar magħluqa f’għaġina sfiljurata; it-Timpana, imqarrun il-forn magħluq f’għaġina wkoll, u r-Ross il-Forn, biz-zalza tal-laħam. Kemm iddum hawn, agħmel mezz li dduq il-Pastizzi, għaġina tqarmeċ mimlija b’taħlita tal-irkotta jew tal-piżelli. Hija wkoll użanza li l-Maltin inaqqru ikel ħafif bħall-Bigilla, taħlita tal-ful tal-ġirba u bit-tewm li normalment tisserva bil-galletti; il-Ġbejna, bajda jew imħawra; il-Ħobż biż-Żejt, xi biċċa ħobż jew ftira mdellka bil-kunserva u mħawra bil-kappar, biż-żebbuġ, bil-basal, bit-tadam u bit-tewm; l-Istuffat tal-Bebbux; u l-Kapunata. Għalkemm l-Istuffat tal-Bebbux u l-Kapunata mhumiex tipikament Maltin, il-metodu tat-tisjir differenti minn dak konvenzjonali, jagħmilhom intrinsikament Maltin. Eżempji tipiċi Maltin oħra jinkludu l-Imqarrun il-Forn, il-Braġjoli, ir-Ravjul, il-Minestra, is-Summien u l-Laħam taż-Żiemel.
 
Platt awtentiku ieħor huwa l-Fenek Moqli jew l-Istuffat tal-Fenek. Il-popolarità ta’ dan il-platt oriġina mit-tneħħija tas-sensji tal-kaċċa li kienu ordnaw il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Matul is-snin, l-Aljotta, is-Soppa tal-Armla servuta bil-ġbejniet, u l-Kawlata, fost l-oħrajn, saru parti mit-tradizzjoni kulinarja Maltija.  Il-ħlewwiet huma parti importanti mill-kċina Maltija, iżda għal xi wħud huma saħansitra iktar importanti mill-ikla nnfisha. Proprju għalhekk, dan hu rifless fil-lista twila ta’ ħlewwiet, fosthom l-Imqaret, il-Qagħaq tal-Għasel, il-Biskuttini tar-Raħal u l-Pudina tal-Ħobż. Ħelu tradizzjonali ieħor huwa staġunali u ġeneralment jinbiegħ biss f’avvenimenti partikolari matul is-sena. Dawn tal-aħħar jinkludu l-Għadam tal-Mejtin f’Jum il-Qaddisin kollha u f’Jum l-Erwieħ Mejtin kollha; l-Imbuljuta tal-Qastan, fi żmien il-Milied; il-Prinjolata fi żmien il-Karnival u l-Figolli fi żmien l-Għid.
 

 Lura