Il-Gżejjer Maltin mżewqa b’opportunitajiet eċitanti biex wieħed jiskopri s-sbuħija mistura tiegħu. Dawn ivarjaw minn ġiti bil-laneċ madwar l-arċipelagu, mixjiet fil-kampanja sa żjariet f’xi wħud mis-siti storiċi tal-UNESCO.

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika unika tagħha, il-kosta Maltija mimlija b’varjetà ta’ żoni tajbin għal-għadis. Għerien taħt il-baħar bħalma huma dawk ta’ Santa Maria, bastimenti bħal dak ta’ Um El Faroud f’Wied iż-Żurrieq u numru ta’ sikek, lesti biex jiġu esplorati. Id-dilettanti tal-isport jistgħu faċilment imorru snorkelling, kayaking, windsurfing u jgawdu mill-faċilitajiet tal-isport akkwatiku, kollha f’posijiet mill-isbaħ bħall-bajja tal-Mellieħa.

Jekk l-isport akkwatiku ma jgħoddx għalik, Malta għandha numru ta’ bajjiet immakulati biex tixxemmex. Jekk hux bir-ramel jew le, il-bajjiet kollha jattiraw numru kbir ta turisti; il-blat imnaqqax sabiħ ta’ St. Peter’s Pool jew il-baħar ċar kristall tal-Blue Lagoon, ibqa’ ċert li jogħġbok x’jogħġbok, xi ħaġa għalik f’Malta hemm żgur. Madwar il-gżira kollha ssib bosta servizzi ta’ laneċ li minnhom tista’ tagħżel biex jeħduk xi mawra madwar Malta u l-famuża Kemmuna. Is-servizz tal-luzzu tradizzjonali, li jopera bejn it-tlett ibliet, joffri esperjenza unika Maltija, speċjalment jekk tmur mixja max-xtut spettakolari ta’ Tas-Sliema, Buġibba jew Marsaskala. 

Il-blat imnaqqax mill-qilla tal-baħar u l-klima sħuna ta’ Malta jagħmluha destinazzjoni ideali mhux biss għar-rock-climbing iżda anke għall-abseiling, zip-lining jew trekking. Għall-inqas avventurużi, jistgħu jinkrew vetturi offroad li jippermettulek tasal fl-iktar partijiet diffiċli ta’ Malta.  It-turisti jistgħu jsuqu sat-Torri l-Aħmar tal-Mellieħa, Popeye Village, Fomm ir-Riħ fl-Imġarr u l-irdum ta’ Ħad Dingli. Biex tesplora l-kampanja glorjuża Għawdxija u l-postijiet mistura ta’ mal-kosta tista’ tikri quad bike. Alternattiva effiċjenti oħra u fl-istess ħin pjaċevoli hija li tuża l-Hop-on Hop-off u tesperjenza l-istorja u s-sbuħija tal-ġżejjer Maltin.
 
Minkejja d-densità għolja tal-poplazzjoni , veduta mill-għoli turi l-preżenza ta’ numru kbir ta’ għelieqi mifrudin minn xulxin permezz ta’ ħitan tas-sejjieħ li nbnew b’ħila mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra. Malta hi mimlija mogħdijiet imserrpa li huma ideali għal mixi, bħal ta’ Wied iż-Żurrieq li jwassal għal Blue Grotto, Għar Lapsi jew l-irdum ta’ Ħad Dingli bil-veduti spettakolari tax-xemx nieżla. Il-Buskett, il-Miżieb jew anke Ta’ Qali huma postijiet ideali biex tqatta’ l-ħin mal-familja qalb in-natura u r-riħa taż-żnuber.
 
Minbarra l-kampanja sabiħa, Malta mimlija kafetteriji li jispeċjalizzaw f’ikel artiġanali u jimlew l-arja bir-riħa tfuħ tal-Pastizzi u l-kappuccino fost l-oħrajn. Malta għandha diversi postijiet ta’ divertiment fejn it-turisti jistgħu jqattgħu l-lejl f’winebars ta’ kwalita’ għolja u jgawdu mill-kċina tradizzjonali Maltija. B’hekk tista’ sserraħ rasek li f’Malta se ssib varjetà ta’ avvenimenti kulturali, kunċerti mużikali u esibizzjonijiet teatrali.