​​​​​

DWAR

​​
Il-bidliet li saru fl-istrutturi soċjali, ekonomiċi u politiċi bidlu n-natura tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.  L-effetti fuq il-ħaddiema, b’mod speċjali fuq dawk vulnerabbli, kienu vasti u kumplessi.  Il-konnessjoni bejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-vulnerabbiltà tal-gruppi sensittivi li jinsabu f’riskju m’għandhiex tiġi ssottovalutata. Il-kundizzjonijiet sostenibbli fl-impjiegi jistgħu jinħolqu biss kemm-il darba jkunu żgurati livelli xierqa ta’ prevenzjoni u protezzjoni għall-ħaddiema kollha (inklużi dawk vulnerabbli) permezz tat-tfassil ta’ politiki, strateġiji u programmi speċifiċi li jittrattaw l-isfidi li dawn il-gruppi jgħaddu minnhom.

Il-ħtieġa li jitħarsu l-gruppi sensittivi li jinsabu f’riskju ġiet stipulata fl-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri li jħeġġu titjib fis-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, li tistipula li l-gruppi sensittivi li jinsabu f’riskju għandhom jingħataw protezzjoni partikulari kontra l-perikli li jolqtuhom b’mod speċifiku.  Din id-dispożizzjoni ġenerika kompliet titwessa’ bl-approvazzjoni ta’ Direttivi speċifiċi li jittrattaw bosta aspetti fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema vulnerabbli. Sabiex tkompli tqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li l-gruppi vulnerabbli jingħataw il-ħarsien meħtieġ, l-Organizzazzjoni għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA-MT) ser ittella’ Konferenza Tripartitika dwar l-OHS biex tittratta l-isfidi u r-riskji li jaffaċċjaw il-ħaddiema vulnerabbli. 

Il-konferenza bit-tema “Il-Ħarsien ta’ Gruppi Vulnerabbli” ser issir fis-26 u fis-27 ta’ April 2017. Din ser tinkludi wkoll iċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premji għall-Prattiki Tajbin ta’ Postijiet tax-Xogħol Sani tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA). Il-kampanja 'Postijiet tax-Xogħol Sani 2016-2017' ittrattat il-kunċett tal-forza tax-xogħol li qiegħda kulma jmur tixjieħ. 

Il-konferenza ser tlaqqa’ riċerkaturi u prattikanti ewlenin biex jaqsmu u jiskambjaw u jxerrdu eżempji ta’ prattiki tajbin fil-ħarsien tal-ħaddiema vulnerabbli. Ser toffri wkoll pjattaforma interdixxiplinari biex il-parteċipanti jippreżentaw u jiddiskutu s-sejbiet riċenti tar-riċerki, it-tħassib tal-partijiet involuti, l-isfidi prattiċi u s-soluzzjonijiet adottati fuq il-post tax-xogħol.  Il-konferenza għandha l-għan li tippromwovi u tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-importanza ta’ miżuri preventivi u protettivi fuq il-post tax-xogħol. 

AĠENDA

​​​​​Kelliema​

 

Documents

Multimedia

Dokumenti Relatati​​