Ladarba tidħol fis-seħħ, is-sistema ser tibda tirreġistra informazzjoni marbuta mad-dħul, mal-ħruġ u mar-rifjut tad-dħul ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi (li mhumiex fl-UE) li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim jissodisfa d-direzzjonijiet mogħtija mill-mexxejja tal-UE fis-Summit tal-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2016, fejn il-koleġiżlaturi tal-UE ngħataw il-kompitu li jaqblu mas-sistema l-ġdida sal-aħħar ta’ Ġunju 2017.
F’kumment dwar il-ftehim, il-Ministru Malti għall-Affarijiet Interni u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia qal: "Is-sistema ta’ dħul u ħruġ hija parti mill-isforzi tal-UE favur it-tisħiħ tal-kontroll fuq il-fruntieri esterni tagħna. Din ser tippermettilna li nikkontrollaw aħjar il-flussi tal-migrazzjoni, b’mod partikulari f’każi ta’ soġġorni skaduti, u li ntejbu r-rispons tagħna kontra t-theddid terroristiku kurrenti.”
Is-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ il-ġdida ser tapplika biss għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fl-UE u għandha tgħinna biex:
- innaqqsu d-dewmien fil-kontrolli tal-fruntieri u ntejbu l-kwalità tal-kontrolli konfinali billi tikkalkula b’mod awtomatiku s-soġġorn awtorizzat ta’ kull vjaġġatur;
- niżguraw b’mod sistematiku u affidabbli l-identifikazzjoni ta’ persuni b’soġġorn skadut u ta’ persuni li ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul;
- insaħħu s-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu billi tippermetti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom aċċess għal-lista tal-pajjiżi li jkunu żaru l-vjaġġaturi.
Il-ftehim milħuq fl-aħħar jum tal-Presidenza Maltija huwa iktar u iktar sinifikanti ġaladarba l-uffiċjali Maltin irnexxielhom jiżguraw mandat ta’ negozjar mill-Kunsill (magħruf bħala Approċċ Ġenerali) fuq il-faxxiklu f’Marzu. Li jinkisbu pożizzjoni tal-Kunsill u ftehim mal-Parlament Ewropew matul Presidenza waħda hija xi ħaġa rari ħafna, b’mod partikulari rigward faxxiklu tant sensittiv.
Wara li jintlaħaq ftehim dwar il-kwistjonijiet politiċi tal-proposta għas-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ, il-Presidenza Estonjana li jmiss ser tittratta l-kwistjonijiet tekniċi pendenti bil-għan li s-sistema tiddaħħal fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr.