DWAR IL-PRESIDENZA

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE) ġiet stabbilita bit-Trattat ta’ Lisbona fl-2009. Il-pajjiż li jkollu l-Presidenza jistinka biex imexxi ’l quddiem ix-xogħol tal-Kunsill. Il-Presidenza tal-Kunsill tingħata lil gruppi ta’ tliet Stati Membri tal-UE stabbiliti minn qabel fuq perjodu ta’ 18-il xahar, magħrufin aħjar bħala t-Triju ta’ Presidenzi. Dawn il-gruppi huma magħmula mill-Istati Membri kollha, irrispettivament mid-daqs u mill-perjodu tas-sħubija tagħhom. Il-presidenza taħdem fuq bażi ta' rotazzjoni kull sitt xhur. Il-pajjiż li jkollu l-Presidenza jingħata opportunità unika biex jinfluwenza l-aġenda tal-UE u l-irwol tiegħu hu li jmexxi l-isforzi tal-Kunsill permezz tal-programm tiegħu ta’ sitt xhur. Hija tippresiedi l-laqgħat kollha differenti tal-Kunsill ħlief tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin (FAC), li hija ppreseduta mir-Rappreżentanza Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Il-Presidenza tirrappreżenta wkoll lill-Kunsill tal-UE f'relazzjonijiet ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE. Dan jgħodd b’mod partikolari għar-relazzjonijiet mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew biex jaslu għal ftehim dwar faxxikli leġiżlattivi. Diskussjonijiet isiru bil-parteċipazzjoni ta’ tliet gruppi u tipi oħra ta’ laqgħat. Il-Presidenza tikkordina wkoll politiki nazzjonali u taġixxi bħala intermedjarju għall-Istati Membri fil-Kunsill. Fir-rigward tal-Kunsill innifsu, il-Presidenza hija responsabbli għall-organizzazzjoni tal-laqgħat kollha relatati mal-Presidenza u avvenimenti li se jseħħu f’Malta, fi Brussell u fi bliet oħra.

TRIJU TA’ PRESIDENZI

Biex jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma tal-Kunsill, il-presidenzi suċċessivi jaħdmu flimkien fi gruppi ta’ tlieta (triji) u jfasslu programm konġunt b’sett ta’ prijoritajiet. Aġenda komuni u għanijiet fit-tul jiġu stabbiliti. Xogħol it-triju huwa li jiġu indirizzati l-punti u l-kwistjonijiet elenkati fl-aġenda ta’ fuq 18-il xahar. Madanakollu, il-pajjiż li jkollu l-presidenza jiffoka aktar u fid-dettall fuq il-programm nazzjonali tiegħu stess, imfassal fuq il-prijoritajiet tat-triju stabbiliti għall-perjodu tal-presidenza tiegħu. Il-prijoritajiet jinkludu l-indirizzar ta' sfidi fuq livell Ewropew bħal it-twettiq tas-Suq Uniku, il-Brexit u l-migrazzjoni. Malta se tkun qed tiffoka fuq ħidmiet simili għal benefiċċju taċ-ċittadini kollha Ewropej.