​Snajja’

 
Is-snajja’ tradizzjonali ħadu l-ħajja mill-ġdid f’dawn l-aħħar snin minħabba l-indispensabiltà tal-valur kulturali tagħhom. Minn żmien ilu ’l hawn, il-Maltin saru ħaddiema b’sengħa fix-xogħol tas-suf, tal-insiġ tal-basktijiet u tal-bizzilla. L-industrija tant imxiet ’il quddiem li llum il-ġurnata hawn varjetà wiesgħa ta’ prodotti artiġjanali fis-suq.
 
L-evidenza tax-xogħol tal-insiġ u tal-fuħħar tmur lura għaż-żmien il-preistoriku. Infatti, fl-Ipoġew insibu “Il-Mara l-Ħoxna”, statwetta mirquma fit-tafal evidenza tal-ħiliet eċċellenti f’dan il-qasam. Biċċiet ta’ tessuti tal-kittien miżbugħin ħomor instabu wkoll fit-Tempji ta’ Ħal Tarxien. Evidentement, il-preistoriċi kienu diġà żviluppaw ħiliet notevoli fil-qasam.
 
Il-wasla tal-Għarab (c. 870 W.K.) ġabet magħha l-introduzzjoni tal-industrija tal-ħwejjeġ fis-sħuħija kollha tagħha, ibda mill-importazzjoni tar-riżorsa naturali għall-proċess tal-insiġ u dak aħħari taż-żebgħa. Minn hemm ’il quddiem, l-industrja tal-qoton damet sal-bidu tas-seklu 19 u kienet waħda mill-akbar kontributuri għall-ekonomija. B’konsegwenza t’hekk, il-prodotti tal-qoton kienu jinbiegħu b’prezzijiet għoljin ħafna fil-bqija tal-Ewropa. 
 
Ix-xogħol tal-insiġ, tar-rakkmu u tal-bizzilla kienu mħeġġa mill-Knisja ladarba kienu s-sors ewlieni tad-dħul għal Għawdex u żoni rurali oħrajn ta’ Malta li kienu jinsabu f’diffikultà. Matul is-seklu 17, il-ħiliet tal-ħaddiema tant kienu żviluppaw li l-Gran Mastri ordnaw li t-tali ħwejjeġ ikunu pprojbiti minħabba l-frivolezza u n-nuqqas ta’ konformità mal-voti reliġjużi tal-Ordni. 
 
​Ix-xogħol li kiber sew taħt il-Kavallieri kien tad-deheb u tal-fidda. Il-produzzjoni ta’ oġġetti tal-filugranu u tal-ġojjellerija hija l-aktar prezzjuża għal Malta. Illum il-ġurnata, l-industrija tal-arġenterija mxiet ’il quddiem u x-xogħol ta’ arġentiera Maltin ta’ kalibru jista’ jinxtara mill-ibliet il-kbar ’il barra minn xtutna.
 
 

Festi

 
​​L-istaġun tal-festi f’Malta jifrex fuq numru ta’ ġimgħat minn Mejju sa Settembru. Tul dan iż-żmien, l-ibliet u l-irħula jiddedikaw ġimgħa ta’ ċelebrazzjonijiet lill-qaddis patrun fejn kulħadd jingħaqad flimkien fi spirtu t’għaqda u wirja piroteknika spettakolari.  
 
It-toroq prinċipali jiżżejnu bil-bandalori, statwi tal-kartapesta u fustuni. L-abitanti jkomplu jagħtu l-ħajja lil festa billi jkomplu jżejnu b’dekorazzjonijiet oħra. Is-sema tiżżewwaq bil-kuluri mill-arbli tal-festa assoċjati mal-patrun qaddis tal-lokalità. Il-bnadar jittellgħu wkoll f’postijiet pubbliċi u residenzi privati bħala sinjal ta’ parteċipazzjoni.
 
Ġeneralment, il-festa tipika Maltija ddum tliet ijiem jew aktar. Mijiet ta’ nies jinżlu fit-toroq u jiċċelebraw sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Stands ta’ ikel tradizzjonali jittellgħu waħda ħdejn l-oħra biex ibigħu l-prodotti tagħhom lil folol ta’ nies ferrieħa. Huma jbiegħu prodotti tradizzjonali bħall-qubbajt, fost ħlewwiet oħra. In-nies ta’ spiss tkun mistiedna għand il-ġirien tagħhom biex jgħinu bit-tiżjin u anki għal xi xarba!
 
Il-festi jispiċċaw b’wirja spettakolari  ta’ logħob tan-nar tal-art u tal-ajru fi splużjoni ta’ kuluri, trikkitrakki u faqqaturi.
 

Mużika u Strumenti

 
Kif jidher mis-seklu 16, il-mużika tradizzjonali Maltija nibtet mill-għanja Siċiljana u l-melodija Għarbija biex tinħoloq dik li tissejjaħ Għana. Il-melodija pjaċevoli tagħha għandha għeruq b’saħħithom minfudin sew fl-istorja, u bir-raġun. L-Għana kienet apprezzata sew, ispirat l-arti u għenet lill-bdiewa u lis-sajjieda biex ta’ kuljum ikomplu bil-ħidma tagħhom minkejja l-isfidi li jaffaċjaw.

L-Għana hi akkumpanjata b’varjetà ta’ strumenti maħdumin bl-idejn, ilkoll kemm huma parti mill-patrimonju kulturali u rikk ta’ Malta. Iċ-Ċuqlajta, wieħed mill-iprem eżempji, hija għadd ta’ injam jaħbat ma’ ieħor maħluqha b’sengħa biex tikkomplimenta l-għanjiet ferrieħa tal-għannejja.

Hemm tipi differenti ta’ Għana li għadhom jitkantaw sal-lum il-ġurnata; madanakollu, l-iktar waħda popolari hi dik Spirtu Pront, konfront bejn żewġ għannejja jew iktar.  L-għannejja jridu jimprovviżaw il-lirika tagħhom u jibbażawha fuq ir-rakkonti dwar l-irħula u r-raħħala rispettivi tagħhom.
 

Logħob​

It-tfal kienu parti integrali fl-iżvilupp tal-logħob tradizzjonali ta’ Malta. Fil-ftit ħin li kien ikollhom bejn il-qadi u possibilment l-edukazzjoni, it-tfal taw kontribut mingħajr ma jafu lill-kultura tagħna billi m’użaw xejn ħlief l-immaġinazzjoni u l-ġugarelli sempliċi tagħhom. Logħob bħall-passju u l-ħabel mhumiex kompletament Maltin, madanakollu t-tfal kienu jissinkronizzaw in-noti tal-kanzunetti tradizzjonali ma’ kull pass jew qabża li kienu jagħmlu.


Għanjiet bħal Bum Bum il-Bieb jew Iż-żunżana Ddur Iddur dwew qalb it-toroq imserrpin tal-Imdina fejn it-tfal kienu jmorru jiġbru l-ilma mill-għajn. It-tfal kienu jħobbu wkoll jippruvaw iħabblu moħħ xulxin permezz tal-Ħaġa Moħġaġa. Aktar ma kienu jikbru, it-tfal kienu jduru aktar lejn il-passatemp tal-logħba tal-Boċċi. Il-Boċċi hija verżjoni iktar kumplessa tal-logħba taż-Żibeġ.  Hija waħda mill-ftit tradizzjonijiet li għadha teżisti sal-lum il-ġurnata hekk kif il-klabbs tal-Boċċi jiġu ffrekwentati l-aktar mill-irġiel li jiltaqgħu biex iġeddu l-memorji tal-imgħoddi waqt li jieħdu xi xarba tajba flimkien.