Antici Grupp ta’ diplomatiċi ta’ grad għoli tar-Rappreżentanza Permanenti fi Brussell li jgħinu lill-ambaxxaturi matul il-laqgħa tal-Coreper II fil-preparazzjoni ta’ kompromessi dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE bejn l-Istati Membri. Il-Grupp ġie stabbilit fl-1975 u ngħata l-isem tal-ewwel president Taljan tal-Grupp, Paolo M Antici. Grupp ta’ Ħidma simili ġie stabbilit bħala għajnuna għas-sostituti tal-ambaxxaturi fil-Coreper I u ngħata l-isem ta' Mertens għall-ewwel President Belġjan, Vincent J. Mertens de Wilmars. 
Karta tad-Drittijiet Fundamentali Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija vinkolanti fl-UE u l-qrati nazzjonali jistgħu jirreferu għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-Lussemburgu għall-deċiżjoni preliminari fuq każijiet ta’ dan it-tip. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE ġiet adottata f’Nizza f’Diċembru 2000 bħala dikjarazzjoni politika. Mill-1 ta’ Diċembru 2009 il-Karta saret vinkolanti b’mod formali skont l-Artikolu 6 TEU tat-Trattat ta’ Liżbona. Kawża tal-Qorti fl-2013 tagħti prominenza lil din il-Karta fuq il-kostituzzjonijiet nazzjonali. B'kollox din fiha 54 artiklu, bil-maġġoranza mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem.  
Kulleġġ (jiġifieri l-Kulleġġ tal-Kummissarji) Il-Kummissjoni hija ffurmata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji ta’ 28 membri, inkluż il-President, il-Viċi Presidenti u r-Rappreżentant Għoli. Il-Kummissarji, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE, imexxu l-politika tal-Kummissjoni fuq perjodu ta’ 5 snin. Kull Kummissarju huwa responsabbli għal qasam speċifiku tal-politika mill-President.
Kompetenza Il-kompetenzi tal-UE kif stipulati mit-Trattati. Jinqasmu f': 1) kompetenzi esklussivi; 2) kompetenzi kondiviżi; 3) kompetenza biex tappoġġja, tikkoordina jew tikkumplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri tal-EU; u 4) kompetenza biex tipprovdi arranġamenti li fi ħdanhom l-Istati Membri tal-UE iridu jikkoordinaw il-politika.
Konfigurazzjoni Il-Kunsill tal-UE huwa entità legali unika, iżda jiltaqa’ f’10 ‘konfigurazzjonijiet’ differenti, skont is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss. Ma hemm ebda ġerarkija fil-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, għalkemm il-Kunsill Affarijiet Ġenerali għandu rwol speċjali ta’ koordinazzjoni u huwa responsabbli għall-materji istituzzjonali, amministrattivi u orizzontali. Il-Kunsill Affarijiet Barranin għandu wkoll mandat speċjali. Kwalunkwe waħda mill-10 konfigurazzjonijiet tal-Kunsill tista’ tadotta att li jaqa’ fl-ambitu ta’ konfigurazzjoni oħra. Għalhekk, meta l-Kunsill jadotta kwalunkwe att leġislattiv ma ssir l-ebda referenza għall-konfigurazzjoni.
​Coreper (I & II) Coreper tirreferi għall-‘Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea’. Il-Coreper II huwa magħmul mir-Rappreżentanti Permanenti tat-28 Stat Membru, filwaqt li l-Coreper I huwa ffurmat mid-deputati tagħhom. Il-punti kollha li jiddaħħlu fl-aġenda tal-Kunsill (minbarra xi uħud relatati mal-agrikoltura) iridu l-ewwel jiġu eżaminati mill-Coreper, diment li ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill. Dan mhuwiex korp tal-UE li jieħu deċiżjonijiet, u kwalunkwe qbil milħuq minnu jista’ jerġa’ jiġi kkunsidrat mill-Kunsill, li waħdu għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet.
Konklużjonijiet tal-Kunsill Wara kull Summit, il-President tal-Kunsill Ewropew jippubblika l-konklużjonijiet maqbula matul is-Summit. Dawn jiġu nnegozjati, sikwit bejn il-Prim Ministri stess, u mbagħad jistabbilixxu d-direzzjoni għal aktar inizjattivi ta’ politika tal-UE. Il-konklużjonijiet tal-Presidenza mhumiex vinkolanti iżda ġieli kien il-kas li ntużaw mill-Qorti tal-UE bħala forma ta’ liġi flessibbli. 
Kunsill tal-Ewropa Il-Kunsill tal-Ewropa huwa organizzazzjoni internazzjonali ffukata fuq il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Ewropa. Imwaqqaf fl-1949, huwa jinkludi 47 Stat Membru, ikopri madwar 820 miljun persuna u jopera b’baġit annwali ta’ madwar nofs biljun ewro. L-iktar korp magħruf tal-Kunsill tal-Ewropa huwa l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tinforza l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-Kunsill tal-Ewropa jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem permezz tal-konvenzjonijiet internazzjonali, bħalma huma l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika u l-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità. Huwa jagħmel monitoraġġ tal-progress tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma u jagħti rakkomandazzjonijiet permezz ta’ korpi esperti indipendenti tal-monitoraġġ. 
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Kunsill tal-Ministri)
Il-Kunsill tal-Ministri, li normalment jissejjaħ ‘il-Kunsill’, huwa l-korp leġislattiv ewlieni tal-UE għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Flimkien ​mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ministri japprova l-leġislatura l-ġdida tal-UE. Il-Kunsill tal-Ministri m’għandux jiġi konfuż mal-Kunsill Ewropew jew inkella l-Kunsill tal-Ewropa. Dan tal-ewwel huwa istituzzjoni distinta tal-UE li qiegħda diskussa hawn taħt. Dan tal-aħħar huwa korp internazzjonali, kompletament separat mill-UE, li ġie stabbilit fl-1949 bl-għan li jippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fi ħdan l-47 Stat Membru tagħha.
Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), stabbilita fi Brussell, tinkludi l-ġudikatura kollha kemm hi. Hija l-kap tal-awtorità ġudizzjarja tal-UE u tiżgura li l-liġi tal-UE tiġi applikata bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE. Tirrisolvi wkoll tilwimiet legali bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE.
Direttiva Direttiva hija att legali li tinkorpora t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Id-direttivi għandhom l-ewwel jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri permezz tal-parlamenti u l-gvernijiet tagħhom f'perjodu speċifiku, bħal 18 xhur. Jekk pajjiż jirrifjuta li jadotta direttiva partikolari, din tista’ xorta waħda ssir liġi f’dak il-pajjiż. Jekk ir-regoli jkunu preċiżi biżżejjed, dawn jistgħu jiġu applikati direttament. Matul is-snin il-Qorti tal-UE qalet li ħafna direttivi huma direttament applikabbli u saħansitra ddikjaraw li l-pajjiżi huma obbligati jħallsu kumpens jekk jimplimentawx direttiva partikolari fil-ħin stipulat. 
KESE Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa korp konsultattiv tal-UE magħmul minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem u gruppi ta’ interess oħra. Huwa jagħti opinjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-UE u lill-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet tal-UE, u b’hekk iservi ta' pont bejn l-istituzzjonijiet tal-UE li jieħdu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE.
EFTA L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) hija organizzazzjoni intergovernattiva mwaqqfa għall-promozzjoni tal-kummerċ ħieles u l-integrazzjoni ekonomika għall-benefiċċju tal-erba’ Stati Membri tagħha: L-Islanda, il-Liechtenstein, l-Isvizzera u n-Norveġja. L-assoċjazzjoni hi responsabbli għal ġestjoni tal-Konvenzjoni EFTA, li tifforma il-bażi legali tal-organizzazzjoni u tiggverna ir-relazzjonijiet tal-kummerċ ħieles bejn il-pajjiżi tal-EFTA; in-network globali tal-kummerċ ħieles tal-EFTA u ftehim ta’ sħubija; u l-Ftehim dwar ż-Żona Ekonomika Ewropea (EEA), li tippermetti lil tlieta mill-erba’ Stati Membri tal-EFTA (l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja) jipparteċipaw fis-Suq Intern tal-UE.
Tkabbir It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea (UE)  jiddeskrivi il-proċess tad-dħul ta’ Stati Membri ġodda fl-UE. Minn meta l-ewwel “sitta” (il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda) iffirmaw it-Trattat ta’ Pariġi fl-1951, u ħolqu l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (il-KEFA), l-UE irnexxielha tikber f’sitt okkażjonijiet: Fl-1973 meta r-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka issieħbu; fl-1982 meta il-Greċja saret l-għaxar membru; ħames snin wara meta daħlu Spanja u l-Portugal fl-1986; fl-1995, meta ssieħbu l-Awstrija, l-Isvezja u l-Finlandja; u fl-2004 meta fl-UE daħlu Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, u s-Slovenja - l-"ikbar tkabbir li qatt seħħ s’issa f’termini ta’ ambitu u diversità". Il-Bulgarija u r-Rumanija daħlu fl-2007. L-aktar membru riċenti, il-Kroazja, issieħeb fl-2013.
Kunsill tal-UE Il-Kunsill Ewropew huwa ffurmat mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri kollha tal-UE u l-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni.  Dan jista’ jieħu azzjoni fuq kwistjonijiet internazzjonali attwali permezz tal-’Politika Estera u tas-Sigurtà Komuni’.  Jista’ jieħu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet jaħarqu li l-Kunsill tal-Ministri ma setax jaqbel dwarhom.
Il-Kummissjoni Ewropea Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta u tiddefendi l-interessi tal-UE b’mod ġenerali.  Hija politikament indipendenti u twieġeb għall-Parlament Ewropew.  Il-Kummissjoni tressaq ukoll proposti leġislattivi li mbagħad jiġu diskussi mill-Kunsill u l-Parlament.
​Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem hija l-ewwel Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u l-pedament tal-attivitajiet kollha tagħha. Din id-Direttiva kienet adottata fl-1950 u daħlet fis-seħħ fl-1953. Ir-ratifika tagħha hija prerekwiżit biex tingħaqad mal-organizzazzjoni. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tas-47 fl-Istati Membri. Individwi jistgħu biss iressqu lmenti ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ladarba l-possibilitajiet kollha għal appell ikunu ġew eżawriti fl-Istat Membru kkonċernat. L-Unjoni Ewropea waslet biex tiffirma l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b’hekk toħloq spazju legali Ewropew komuni għal aktar minn 820 miljun ċittadin.
Kunsill Ewropew Il-laqgħa regolari tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-Istati Membri tal-UE. Dawn il-Presidenti u l-Prim Ministri, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, jiltaqgħu mill-inqas erba’ darbiet, fis-sena biex jistabbilixxu l-linji gwida politiċi ġenerali għall-UE. Ministri tal-Affarijiet Barranin u ministri oħrajn jistgħu jattendu bi stedina. Il-laqgħat issa huma mmexxija minn president permanenti. It-Trattat ta’ Lisbona stabbilixxa l-Kunsill Ewropew bħala istituzzjoni uffiċjali tal-UE. Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, jippresjedi l-laqgħat ta' dan tal-aħħar.
Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem​ Uħud mid-drittijiet li tipproteġi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jinkldu d-dritt għall-ħajja, il-projbizzjoni tat-tortura, il-projbizzjoni tal-iskjavitù u tax-xogħol forzat, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għal proċess ġust, l-ebda piena mingħajr liġi, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà ta’ espressjoni, il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni, id-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għal rimedju effettiv u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.
Qorti Ewropea tal-Ġustizzja Stabbilita fil-Lussemburgu u tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati Ewropej tal-Unjoni Ewropea.
Il-Parlament Ewropew Il-korp parlamentari tal-Unjoni Ewropea magħmul minn 766 Membri tal-Parlament Ewropew mit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, li jiġu eletti b’vot universali. Il-membri tiegħu jiffurmaw 8 gruppi distinti  ta’ partiti politiċi (u xi membri indipendenti), u l-funzjoni prinċipali tiegħu hija li, flimkien mal-Kunsill tal-UE, jgħaddi liġijiet tal-UE.
L-Unjoni Ewropea L-Unjoni Ewropea hi unjoni ekonomika u politika unika ta’ 28 stati Ewropej.  Hi msejsa fuq l-istat tad-dritt, jiġifieri: kollox huwa bbażat fuq trattati u qbil demokratiku mill-Istati Membri.
Il-Ħames Presidenti Dawn huma il-President tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Grupp tal-Euro, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew.
L-Erba’ Libertajiet Id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu, jaħdmu, jixtru u jbiegħu oġġetti u servizzi kull fejn iridu fl-Unjoni. Għalkemm ħafna minn dawn il-libertajiet huma realtà fl-UE, għad hemm bosta eżempji fejn il-libertajiet mhumiex kompluti.
Qbil ġenerali Il-Qbil Ġenerali dwar it-Tariffi Doganali u l-Kummerċ (GATT), huwa korp tan-NU mwaqqaf fl-1948 biex jiżdied il-kummerċ u jinkoraġġixxi l-kummerċ ħieles u jitnaqqsu t-tariffi. Il-GATT kellu 110 membri meta l-isem tiegħu nbidel għall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fl-1995. Il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), huwa qbil internazzjonali tal- Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ (WTO) dwar l-introduzzjoni ta’ ekonomija tas-suq u l-kummerċ ħieles f’servizzi bħalma huma dawk soċjali. 
Mertens Grupp ta’ diplomatiċi ta’ grad għoli tar-Rappreżentanza Permanenti fi Brussell li jassistu l-Coreper fit-tħejjija ta’ kompromessi bejn l-Istati Membri. Stabbilit fl-1993 u msemmi wara l-ewwel President Belġjan, Vincent J. Mertens de Wilmars. 
Grupp Nicolaidis Il-Grupp Nicolaidis jipprepara l-laqgħat tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS). Huwa l-ekwivalenti tal-gruppi Mertens u Antici, li jħejju l-preparamenti għall-Kumitat tar-Rappreżentanza Permanenti (Coreper). Il-Grupp Nicolaidis jiltaqa’ darbtejn fil-ġimgħa, dejjem lejliet il-laqgħa tal-KPS.
L-Assemblea Parlamentari (tal-Kunsill tal-Ewropa) Il-korp deliberattiv tal-Kunsill tal-Ewropa (mhux tal-UE), huwa magħmul minn 318-il rappreżentant tal-Kunsill (u l-istess numru ta’ sostituti) maħtura mill-47 parlament nazzjonali tal-Istati Membri.
Pjan Direzzjonali Il-Pjanijiet Direzzjonali jagħtu l-ewwel deskrizzjoni tal-inizjattivi ppjanati mill-Kummissjoni. Huma jiddeskrivu l-problema li l-inizjattiva tfittex tindirizza u l-għażliet ta’ politika possibbli. Huma jagħtu wkoll ħarsa ġenerali lejn il-fażijiet differenti ppjanati fl-iżvilupp ta' inizjattiva, inklużi l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-ħidma ta’ valutazzjoni tal-impatt. Jekk mhux se titwettaq valutazzjoni tal-impatt, il-Pjan Direzzjonali jispjega għaliex.
Trilogu
Laqgħat informali li jattendu għalihom rappreżentanti mit-tliet instituzzjonijiet: Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-kontenut u l-għan tat-trilogi jistgħu jvarjaw minn diskussjonijiet tekniċi sa diskussjonijiet politiċi ħafna (li jinvolvu l-Ministri u l-Kummissarji). Jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet ta’ ppjanar u kalendarju jew jidħlu fid-dettall dwar il-kwistjonijiet sostanzjali.​
IT-TTIP Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment hija l-proposta ta’ ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti li l-għan tagħha hu li tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u kummerċjali fi tliet oqsma prinċipali: l-aċċess għas-suq; r-regolamenti speċifiċi; regoli u prinċipji u modi ta’ koperazzjoni iktar wiesgħa. It-taħditiet oriġinarjament kellhom jiġu konklużi fl-2014 iżda għadhom għaddejjin.