Siti Arkeoloġiċi

Il-Gżejjer Maltin għandhom tliet siti mniżżla fil-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO. Dawn huma l-Belt Valletta, it-Tempji Megalitiċi u l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni.

B’kollox hemm seba’ tempji megalitiċi f’Malta u Għawdex, kollha mibnija indipendentement minn xulxin. Iż-żewġ tempji tal-Ġgantija f’Għawdex huma magħrufin għall-istrutturi ġganteski li jmorru lura għal Żmien il-Bronż. Dawn huma l-eqdem strutturi mingħajr irfid fid-dinja, saħansitra eqdem mill-piramidi Eġizzjani ta’ Giża.

It-tempji ta’ Ħaġar Qim, l-Imnajdra u Ħal Tarxien huma kapulavuri arkitettoniċi uniċi mibnija mir-riżorsi limitati disponibbli għall-bennejja ta’ dak iż-żmien. It-tempji jirrappreżentaw tradizzjoni arkitettonika unika li bdiet tiffjorixxi fil-Gżejjer Maltin bejn it-3600 u l-2500 Q.K.

L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni huwa kumpless taħt l-art li jmur lura madwar it-3600 u l-2400 Q.K., imħaffer għal tal-apposta biex jintuża kemm bħala santwarju kif ukoll bħala post għad-dfin. L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni huwa meqjus bħala l-kulminu tal-monumenti preistoriċi.

Il-kapitali ta’ Malta, il-Belt Valletta sinonima mal-istorja militari u l-Ordni karitatevoli ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm. Mibnija wara l-Assedju l-Kbir tal-1565 u msemmija wara l-Gran Mastru Jean Parisot de la Vallette, din il-belt iffortifikata għandha mijiet ta’ monumenti fuq spazju relattivament żgħir, li jagħmilha waħda mill-iktar ibliet storikament rikki fid-dinja.

Fl-2018, il-Belt Valletta ser tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Fortifikazzjonijiet 

Malta ta’ spiss jirreferu għaliha bħala ‘l-Gżira Fortizza’ minħabba n-numru kkonċentrat ta’ binjiet militari, illum il-ġurnata b’valur patrimonjali għall-istorja tal-Gżejjer. Ħafna ħakkiema tqabdu għaliha minħabba l-pożizzjoni strateġika u l-ilqugħ tal-portijiet fondi.

Il-fortifikazzjonijiet li għadhom fuq saqajhom inbnew matul żewġ ħakmiet: taħt il-Kavallieri u taħt l-Brittaniċi. Dawn iservu bħala tfakkira imponenti tal-isforzi militari u l-galanterija, l-erojiżmu u t-taqbid leġġendarju.

Jekk hux mixja mas-swar tal-Belt Valletta jew mal-Victoria Lines li jaqtgħu Malta min-nofs mil-Lvant sal-Punent, dejjem ħa ssib xi fdalijiet tal-passat militari glorjuż, bħall-fortizzi u t-torrijiet kostali tas-seklu 17 sa dawk tat-Tieni Gwerra Dinjija.

It-toroq tal-Belt Valletta u l-irħula madwar il-gżejjer kollha għandhom mistura fihom xi rabta ma’ siti storiċi minn kull era, b’kull wieħed minnhom jikkontribwixxi biex jgħaqqad mużajk storiku mill-isbaħ fuq il-medda taż-żmien.

Mużewijiet

Mhux daqstant diffiċli tiskopri 7000 sena ta’ storja. Il-Gżejjer Maltin huma niċċa ta’ siti storiċi mberrħa. Magħhom jiżdiedu l-mużewijiet ilkoll kemm huma ddedikati għal kull era storika, mill-Preistorja  sat-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-Kavallieri ta’ San Ġwann kienu patruni kbar tal-arti u matul il-250 sena ta’ ħakma ħallew warajhom wirt kbir ta’ kapulavuri li jinsabu f’mużewijiet, f’palazzi u fi knejjes madwar il-gżejjer.

Bil-kuluri espressivi u l-pajsaġġ naturali, il-gżejjer Maltin ilhom jispiraw artisti, fotografi u skulturi lokali u barranin. Uħud minn dawn ix-xogħlijiet, inklużi dawk minn artisti kontemporanji eċċellenti, huma esibiti fil-mużewijiet tal-arti. Xogħolhom jinsab fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, filwaqt li f’mużewijiet, bħall-Mużew Nazzjonali tal-Arti u l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, ta’ spiss isiru esibizzjonijiet ta’arti, ta’ skulturi u ta’ oġġetti tal-fuħħar. 

Siti Reliġjużi

Malta hi waħda mill-eqdem pilastri tal-Kristjaneżmu. San Pawl priġunier innawfraga Malta fi triqtu lejn Ruma fis-sena 60 W.K. u introduċa l-Kristjaneżmu lil Maltin. Il-passi tiegħu jistgħu jiġu rintraċċati minn niċeċ, l-għerien u l-katakombi tar-Rabat u l-kapitali l-qadima tal-Imdina.

Hemm ‘il fuq minn 360 knisja u kappella mferrxa mal-gżejjer. Dawn huma parti integrali mill-pajsaġġ u jinsabu fil-qalba tal-ħajja soċjali u kulturali Maltija. Ħafna minn dawn il-binjiet huma arti fihom infushom. Huma mżejna b’kapulavuri elaborati u statwi ta’ qaddisin, anġli u simboli sagri. Forsi l-iktar interessanti mis-siti reliġjużi kollha huma l-kappelli żgħar f’xifer l-irħula. Uħud huma mħaffra fil-ġebla, oħrajn f’xifer l-irdum. 
Kollha huma postijiet ta’ riflessjoni fis-skiet.