L-Istorja tas-Sħubija ta’ Malta fl-UE

Il-pedamenti tar-relazzjoni bejn Malta u l-UE tqiegħdu uffiċċjalment permezz tal-Ftehim t’Assoċjazzjoni f’Diċembru 1970.  Dan il-ftehim sejjaħ għall-ħolqien ta’ għaqda doganali bbażata fuq il-kummerċ ħieles bejn Malta u l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE). 

L-applikazzjoni formali ta’ Malta għas-sħubija fil-Komunità Ewropea ġiet ippreżentata f’Lulju 1990 u kienet milqugħa b’opinjoni pożittiva mill-Kummissjoni f’Ġunju 1993. Madanakollu, l-applikazzjoni kellha titwaqqaf temporanjament fl-1996, meta bidla fil-gvern wasslet għal bidla fid-direzzjoni politika.  Fis-sena ta’ wara, il-gvern Malti wassal ix-xewqa tiegħu “li jkollu relazzjoni mill-qrib mal-Unjoni Ewropea li hija kompatibbli maċ-ċirkustanzi ekonomiċi u ġeopolitiċi ta’ Malta, waqt li jżomm quddiem għajnejh l-acquis tal-Unjoni u l-qafas tal-operazzjonijiet.”

Fi Frar 1998, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta’ azzjoni lill-Kunsill. Dan il-pjan kien isemmi t-tnedija ta’ żona ta’ kummerċ ħieles u koperazzjoni msaħħa. F’Settembru 1998, b’ segwitu għall-elezzjonijiet, il-gvern Malti għarraf lill-Kunsill bix-xewqa tiegħu li jqajjem mill-ġdid l-applikazzjoni ta’ Malta għas-sħubija fl-UE. 

In-negozjati formali tal-adeżjoni bdew fl-2000 u tlestew fl-aħħar tal-2002. Madanakollu, il-firda li kienet teżisti dak iż-żmien wasslet biex l-elettorat Malti jivvota dwar is-sħubija. Biex tissolva l-kwistjoni, kien ġie organizzat referendum f’Marzu 2003, bir-riżultat ikun iva predominanti favur l-isħubija fl-UE. B’segwitu għall-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni f’April 2003, Malta ssieħbet fl-UE fis-sena ta’ wara, fl-1 ta’ Mejju 2004, flimkien ma’ Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja f’dak li huwa meqjus bħala l-akbar tkabbir li qatt sar tal-UE.

Is-Sħubija fl-UE: Tnax-il Sena Wara

Tnax-il sena mis-sħubija fl-UE, Malta nbidlet b’diversi modi. Xi wħud minn dawn il-bidliet kienu b’riżultat dirett tas-sħubija fl-UE filwaqt li oħrajn kienu sempliċiment b’riżultat tad-dinja moderna li qegħdin ngħixu fiha. 

Is-sħubija fl-UE qajmet mill-ġdid  ir-relevanza ġeopolitika ta’ Malta, bħala Stat Membru gżira żgħira fil-Mediterran, u wasslet għal żviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fundamentali.  Tnax-il sena ta’ żieda fl-interkonnettività wasslu biex Malta ssir anqas insulari u biex iżżid il-parteċipazzjoni internazzjonali tagħha.

Is-soċjetà ċivili tagħna hi aktar konnessa ma’ soċjetajiet Ewropej bħalha u hi protetta minn sett addizzjonali ta’ liġijiet supranazzjonali. L-ekonomija tagħna nbidlet f’waħda primarjament ibbażata fuq is-servizzi, filwaqt li s-settur tal-manifattura xxaqleb aktar lejn prodotti ta’ valur għoli. Saru investimenti importanti fl-infrastruttura u fl-ambjent tagħna. Il-partimonu u l-agrikoltura bbenefikaw minn fondi addizzjonali. 

Mill-aspett finanzjarju, Malta m’għandhiex aktar bżonn tindirizza r-riskji marbuta mal-ġestjoni ta’ munita żgħira u dan għaliex addottat l-Ewro. B’riżultat ta’ dan, id-defiċit naqas għal livelli aktar ġestibbli. Dan għen biex Malta tegħleb il-maltemp finanzjarju internazzjonali li rriżulta mill-kriżi finanzjarja riċenti, bla ma tħalla impatt serju fuq il-qagħda finanzjarja ta’ Malta. 

Bħala membru tal-UE, Malta ngħatat l-opportunità li ssemma’ l-opinjonijiet tagħha fuq kwistjonijiet politiċi li qed jaffaċċjaw l-Ewropa u d-dinja. Għalkemm is-saħħa tal-opinjonijiet tagħna tista’ titqies żgħira f’termini assoluti, hija konsiderevolment kbira meta tara l-istampa kollha. Fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill, Malta hi fuq l-istess livell tas-27 Stat Membru l-ieħor, filwaqt li fil-Parlament Ewropew, Malta għandha sitt rappreżentanti eletti li għenu fit-tfassil tal-aġenda tal-UE rigward diversi kwistjonijiet li jikkonċernaw liċ-ċittadini Maltin.