Malta għandha storja rikka li tmur lura madwar 5500 u 4500 sena. Għaddiet minn diversi perjodi, bl-iktar prominenti jkun dak Neolitiku. Is-siti mniżżla fuq il-lista ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO huma evidenza ta’ dan. Dawn huma t-tempji tal-Ġgantija, Ta’ Ħaġrat, ta’ Skorba, ta’ Ħaġar Qim, tal-Imnajdra u ta’ Ħal Tarxien, kollha ddedikati lill-alla mara tal-fertilità.
 
Iċ-ċiviltà avvanzata tal-Feniċi waslet Maleth (Malta) madwar 750 Q.K. biex stabbilew il-gżejjer bħala rotta kummerċjali. Il-Kartaġiniżi, li ġew warajhom, ħakmu lil Malta minn madwar 480 Q.K. u baqgħu jaħkmuha għal żewġ sekli u nofs. Tul dan iż-żmien, l-industrija lokali kienet limitata għall-kultivazzjoni taż-żebbuġ u t-tessuti. 
 
Bir-rebħ ta’ Malta mill-Imperu Ruman fl-istess żmien tat-Tieni Gwerra Punika fl-218 Q.K., Malta tnaqqxet fl-istorja. Dan jispjega għalfejn minn wara d-data msemmija l-istoriċi ta’ sikwit jiltaqgħu ma’ dokumenti li fihom tissemma Malta. 

Wara tmiem ir-raba’ seklu, l-Imperu Ruman tal-Lvant ittraskura l-Gżejjer Maltin. Minħabba f’hekk, il-Biżantini ħakmu lil Malta għat-375 sena ta’ wara qabel mal-Għarab komplew jaħkmu mis-sena 870 W.K. ‘l quddiem.
 
Wara r-rebħ ta’ Sqallija, il-Konti Ruġġieru u l-forzi tiegħu baqgħu sejrin biex fl-1090 rebħu lil Malta mill-Għarab. Din il-ħakma l-ġdida, tat lok għall-ħolqien tal-leġġenda tal-oriġini tal-bandiera Maltija. Barra minn hekk, issaħħew ir-relazzjonijiet ma’ numru ta’ familji nobbli minn madwar l-Ewropa. B’hekk, Malta kellha aċċess għal iktar riżorsi. 
 
Għadda ż-żmien u għal darb’oħra, ġie ħakkiem ieħor. Taħt il-ħakma tal-Imperatur Charles V ta’ Spanja, Malta ngħatat b’fewdu lill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Il-250 sena ta’ wara raw tibdil sħiħ fil-Gżejjer Maltin. Id-dokumentazzjoni dettaljata ta’ xogħolhom evidenti mill-kontribuzzjonijiet arkitettoniċi u artistiċi li ħallew warajhom.
 
Fl-1798, Napoléon Bonaparte ħa f’idejn il-Franċiżi t-tmexxija tal-gżejjer u ġab miegħu dak li suppost kellu jkun bidu ġdid. Iżda, l-affarijiet kienu altru minn hekk. Sa dak iż-żmien, l-Imperu Brittaniku kien qed jistabbilixxi ruħu bħala l-ikbar qawwa dominanti. Infatti, sentejn biss wara l-wasla ta’ Napuljun, il-Brittaniċi ħadu ‘l Malta. Wara li keċċew lill-Franċiżi, għall-bidu ma kinux ċerti jekk ridux iżommu l-ġurisdizzjoni fuq Malta. Infatti, it-Trattat ta’ Amiens fl-1802 kien tentattiv biex Malta tingħata lura lill-Ordni ta’ San Ġwann, però wħud miċ-ċittadini ma kinux ħerqana jgħixu taħt il-ħakkiema preċedenti tagħhom u xtaqu jibqgħu taħt il-protezzjoni Brittanika.
 
Storikament, il-ħakma Brittanika ġabet magħha bidla sostanzjali għal Malta. L-iktar avvenimenti importanti taħt il-ħakma Brittanika kienu ż-żewġ Gwerer Dinjiji u l-Independenza. Illum il-ġurnata, l-influwenza tagħhom għadha tinħass f’ħafna aspetti tal-ħajja ta’ kuljum f’Malta.
 
Il-ħakma Brittanika damet sal-kisba tal-Indipendenza fl-1964, biex fl-1974 ssir Repubblika. Il-preżenza militari Brittanika temmet uffiċjalment fl-1979 b’Jum il-Ħelsien. Ħdax-il sena wara, Malta applikat biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Eventwalment, issieħbet fl-2004.