L-Unjoni Ewropea kif nafuha bdiet il-vjaġġ tagħha iktar minn nofs seklu ilu. Mexxejja viżjonarji ngħaqdu flimkien biex joħolqu stabbiltà politika u ekonomika għal futur paċifiku fl-Ewropa. Minn dak iż-żmien ’il quddiem, bosta oħrajn imxew fuq il-passi tagħhom u ħadmu qatigħ biex jibnu fuq din il-viżjoni grazzi għal numru ta’ trattati suċċessivi:

Fl-1951, it-Trattat ta’ Pariġi stabbilixxa l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), l-ewwel wieħed minn serje ta’ Trattati bl-għan li tiżdied il-koperazzjoni fl-Ewropa.  Il-pajjiżi fundaturi tal-KEFA kienu l-Belġju, Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands. 

Wara s-suċċess tal-KEFA, l-imħuħ wara l-fondazzjoni tagħha fetħu l-koperazzjoni tagħhom bl-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma f’Marzu 1957, u b’hekk stabbilew il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) L-għan tal-KEE kien li jinħoloq suq komuni bbażat fuq il-libertà tal-moviment tal-persuni, tal-prodotti u tas-servizzi u tal-kapital. Fl-1968, tneħħew id-dazji doganali bejn il-pajjiżi tal-KEE u ġew introdotti l-ewwel politiki komuni relatati mal-agrikoltura u l-kummerċ. Flimkien mal-KEE, il-Euratom ġiet stabbilita biex tħeġġeġ l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari fl-Ewropa.

Il-Komunitajiet Ewropej (EC) kienu stabbiliti sew sa nofs is-sittinijiet u għenu biex xprunaw lill-EC ’il quddiem.  Madanakollu, il-mexxejja tal-EC ħassew li l-Komunitajiet setgħu jkomplu jitjiebu. Bit-Trattat li Jgħaqqad, it-tliet Komunitajiet saru ħaġa waħda biex jitmexxew mill-Kummissjoni u mill-Assemblea Unika u mill-Kunsill Uniku. Dan kien pass sinifikanti lejn l-UE kif nafuha llum.

Hekk kif l-EC kibret, il-mexxejja tagħha ħassew il-ħtieġa li jittejjeb il-moviment ħieles ta’ oġġetti u servizzi.  Dan kellu jgħin lill-EC ikattru l-ġid u joħolqu l-impjiegi.  Dan wassal biex jinħoloq is-suq uniku kif stipulat fl-Att Uniku Ewropew (SEA), bla dubju wieħed mill-ikbar inizjattivi ta’ suċċess tal-UE.  Is-suq uniku witta t-triq għal kompetizzjoni akbar, effiċjenza ogħla u prezzijiet irħas.

It-Trattat ta’ Maastricht, iffirmat fis-7 ta’ Frar 1992, stabbilixxa l-Unjoni Ewropea (UE) fuq il-bażi ta’ tliet pilastri: il-Komunitajiet Ewropej, il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), u l-Koperazzjoni tal-Pulizija u Ġudizzjarja f’Materji Kriminali (JHA). Introduċa l-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea, saħħaħ is-setgħat tal-Parlament Ewropew u nieda l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). 

Il-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet għal problemi ġodda wasslet għat-Trattat ta’ Amsterdam, li serva ta’ emenda fuq it-trattati ta’ qablu. L-Istati Membri ħassew il-bżonn li jinfurzaw il-libertà ta’ moviment biex isaħħu l-ekonomija tal-UE. Għalhekk, fit-Trattat ta’ Amsterdam ġew introdotti dispożizzjonijiet ġodda fuq il-Ftehim ta’ Schengen fil-qafas tal-UE. Dak iż-żmien, ix-Schengen kien għadu forma ta’ koperazzjoni intergovernattiva bejn 5 Stati Membri.

It-Trattat ta’ Nizza, iffirmat fl-2001, ħaffef is-sistema istituzzjonali bl-għan li tinżamm l-effiċjenza bi preparazzjoni għar-raba’ u l-akbar tkabbir tal-UE; Malta kienet parti minnu.

Wara l-ħames tkabbir, l-UE kellha taffaċċja sfidi burokratiċi ġodda.  B’riżultat ta’ dan, it-Trattat ta’ Lisbona — iffirmat fl-2007 — issimplifika l-proċeduri ta’ ħidma u r-regoli ta’ votazzjoni u ħoloq il-President tal-Kunsill Ewropew.  Barra minn hekk, it-Trattat ħoloq il-pożizzjoni ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.  Dan saħħaħ il-preżenza tal-UE fix-xena internazzjonali.