Is-sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE hija bbażata fuq għadd ta’ trattati li jistabbilixxu l-mod kif tiffunzjona l-Unjoni. It-Trattati, meqjusa bħala s-sors prinċipali tad-dritt, jistabbilixxu l-ħidmiet tal-istituzzjonijiet tal-UE, li jistgħu jgħaddu leġislazzjoni sekondarja fi proċess li jissejjaħ '‘il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. 

Din il-proċedura ġiet stabbilita biex tiżgura l-aqwa livell ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet. L-istituzzjonijiet prinċipali għat-teħid ta' deċiżjonijiet huma l-Kunsill, li jirrappreżenta lill-gvernijiet nazzjonali; il-Parlament Ewropew, li jirrappreżenta liċ-ċittadini; u l-Kummissjoni Ewropea, entità indipendenti mill-gvernijiet tal-UE li taħdem fl-interess kollettiv tal-UE.

Il-Kunsill Ewropew huma magħmul mill-kapijiet tal-istati jew tal-gvernijiet tal-Istati Membri kollha tal-UE u l-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jista’ wkoll jipparteċipa fil-laqgħat meta jiġu diskussi kwistjonijiet marbutin mal-affarijiet barranin. Huwa jistabbilixxi miri speċifiċi u toħroġ b’modi biex dawn jintlaħqu. Il-Kunsill Ewropew jista’ jieħu azzjoni fuq kwistjonijiet internazzjonali attwali permezz tal-'Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni'. Jista’ jieħu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet delikati li l-Kunsill tal-UE ma jkunx wasal jaqbel dwarhom. B’hekk, jaġġornaw id-direzzjoni politika tal-UE b’rispons għall-isfidi attwali. Din id-direzzjoni politika mbagħad tinġieb 'il quddiem mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea billi tgħaddi liġijiet ġodda. 

Il-Kunsill tal-UE, magħruf ukoll bħala l-Kunsill tal-Ministri, huwa magħmul mill-ministri tal-gvernijiet nazzjonali tal-UE. Għal-laqgħat tal-Kunsill jattendi ministru għal kull Stat Membru skont l-oqsma politiċi li jkunu qed jiġu diskussi. 

Ix-xogħol prinċipali tal-Kunsill huwa li jgħaddi l-liġijiet tal-UE. Huwa jaqsam din ir-responsabbiltà mal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għandhom ukoll l-istess responsabbiltà, dik li jadottaw il-baġit tal-UE.

Il-Parlament Ewropew jiġi elett direttament miċ-ċittadini li jirrapreżenta u għandu tliet irwoli ewlenin. Jaqsam il-poter leġiżlattiv mal-Kunsill. Jaqsam l-awtorità mal-Kunsill dwar il-baġit tal-UE u jista’ jinfluwenza n-nefqa tal-UE.  Dan jissorvelja l-attivitajiet tal-UE u jħaddem superviżjoni demokratika fuq il-Kummissjoni Ewropea billi japprova jew jiċħad Kummissjoni ġdida kull 5 snin.

Il-Kummissjoni Ewropea hija l-istituzzjoni politikament indipendenti li tirrappreżenta u tħares l-interessi tal-UE fis-sħuħija kollha tagħha. Hija tressaq proposti leġislattivi lill-Kunsill u l-Parlament. Għalhekk, hija responsabbli għall-prijoritizzazzjoni tal-azzjonijiet u t-twaqqif ta’ objettivi. Fost dawn hemm il-baġit tal-UE, imfassal b’attenzjoni biex ikopri b’mod adegwat kull qasam tal-politika u l-ġestjoni tal-politiki tal-UE. Tista’ wkoll tinforza l-liġi Ewropea flimkien mal-Qorti tal-Ġustizzja u tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea madwar id-dinja.

Dan il-proċess kumpless ġie stabbilit sabiex tiġi żgurata d-demokrazija, iġib 'il quddiem il-valuri tal-UE, l-iżvilupp u, aktar minn hekk, taġixxi għas-servizz taċ-ċittadini.