Regoli aktar sempliċi għal min juża l-fondi tal-UE


28-Ġun-2017
Il-Kunsill irid li jissimplifika l-ħajja kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-amministraturi tal-fondi tal-UE. Fit-28 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill ta mandat lill-presidenza tiegħu biex tibda taħditiet mal-Parlament Ewropew dwar proposta tal-Kummissjoni biex ir-regoli finanzjarji tal-UE jsiru aktar sempliċi u aktar iffokati fuq ir-riżultati. L-hekk imsejjaħ abbozz ta’ regolament omnibus ser jemenda r-regolament finanzjarju li jirregola l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE kif ukoll 15-il att leġislattivi settorjali, inkluż fil-qasam tal-agrikoltura u l-politika ta’ koeżjoni.

"Il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-Kunsill hija appell qawwi biex l-affarijiet isiru aktar faċli. Dan ikun jippermetti lill-Kummissjoni li tħallas fondi aktar malajr u b’inqas kontrolli burokratiċi tal-ispejjeż eliġibbli. Fl-istess ħin irridu niżguraw li l-fondi tal-UE jkomplu jiġu mmaniġġati bi prudenza.” Il-Professur Edward Scicluna, Ministru għall-Finanzi ta' Malta u President tal-Kunsill