Jingħata permess għar-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-biedja organika


30-Ġun-2017
Fit-28 ta’ Ġunju 2017, il-Presidenza Maltija u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim preliminari dwar riforma tar-regoli eżistenti tal-UE dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar tal-prodotti organiċi.

Ir-regolament maqbul jistabbilixxi regoli aktar moderni u uniformi fl-UE bil-għan li ninkoraġixxu l-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni organika fl-UE. Ir-regoli l-ġodda għandhom ukoll l-għan li jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta għall-bdiewa u l-operaturi, jipprevjenu frodi u prattiċi inġusti u  jtejbu l-kunfidenza tal-konsumatur fil-prodotti organiċi.

“In-nies iridu ikel aktar tajjeb għas-saħħa u ekoloġiku fil-platti tagħhom u d-domanda għal prodotti organiċi fl-UE qed tikber kuljum. Ninsabu kburin li qed inħabbru ftehim dwar regoli ġodda li se jisfruttaw il-potenzjal tas-settur organiku, jagħtu appoġġ lill-bdiewa u jżidu l-fiduċja fil-konsumaturi.” Onor. Clint Camilleri, is-Segretarju Parlamentari Malti għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u l-President tal-Kunsill.