Il-Presidenza Maltija tiżgura ftehim politiku importanti wiesgħa biex tistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ażil


29-Ġun-2017
Fit-28 ta’ Ġunju 2017, il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE żgurat ftehim politiku wiesgħa mal-Parlament Ewropew dwar Regolament tal-UE sabiex tistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Ażil.

Il-ftehim politiku tant mistenni, b’proposta mqassma fuq tnax-il kapitlu, ifisser li ladarba ssir il-ħidma teknika finali, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) - ibbażat fil-Belt Valletta - se jiżviluppa f’aġenzija fis-sħuħija kollha tagħha li se tkun tista’ tieħu azzjonijiet b’mod aħjar biex tappoġġa l-Istati Membri tal-UE u biex tiffaċilita l-funzjonament tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA). 

L-Aġenzija se tibni l-mandat attwali tagħha (EASO) biex tiżgura konverġenza fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, u tipprovdi assistenza operazzjonali u teknika lill-Istati Membri.

F’kumment dwar il-ftehim, il-Ministru Malti għall-Affarijiet Interni u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela qal: “Din hija parti mill-isforzi tal-UE biex tistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ażil fis-sħuħija kollha tagħha, li tista’ tirreaġixxi aħjar għall-isfida  tal-migrazzjoni irregolari li dejjem qiegħda tevolvi u biex tirrifletti t-tisħiħ tar-rwol fir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil.”

F'dawn l-aħħar sitt xhur, il-Presidenza Maltija għamlet il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil fil-livell tal-UE bħala prijorità ewlenija f’xogħolha. Fi ħdan dan il-kuntest, l-iżvilupp tas-SEKA kien ta’ importanza partikolari, bl-istabbiliment tal-Aġenzija Ewropea tal-Ażil bħala pedament ta’ dan l-iffokar.

B'segwitu għall-ftehim politiku wiesgħa li ntlaħaq bejn il-Presidenza Maltija u l-Parlament Ewropew, il-ħidma se tkompli waqt il-Presidenza Estonjana li jmiss biex jiġi ffinalizzat it-test, inkluż bosta kwistjonijiet tekniċi pendenti li se jkunu indirizzati fil-kuntest tan-negozjati dwar il-prestazzjoni. Il-ftehim se jkun imbagħad ippreżentat lill-Ambaxxaturi tal-UE għall-approvazzjoni f’isem il-Kunsill.